Is-Servizzi Taghna

Deskrizzjoni

Il-podjatrija hija dik ix-xjenza li tittratta l-prevenzjoni, id-dijanjosi, it-trattament u r-rijabilitazzjoni ta’ kundizzjonijiet mediċi u kirurġiċi tas-saqajn u l-parti t’isfel tar-riġlejn. Il-kundizzjonijiet li jittratta il-podjatrist jinkludu dawk li jirriżultaw minn disturbi fl-għadam u fil-ġogi bħall-artrite u patoloġiji tat-tessut artab u muskolari, kif ukoll mard newroloġiku u ċirkotorju. L-għan tal-podjatrist huwa li jidentifika l-fatturi ta’ riskju involuti u li jikkura u jipprevjeni ċerti kumplikazzjonijiet. Eżamijiet dettaljati bħall-valutazzjoni vaskulari u newroloġika, il-valutazzjoni tal-mobilità u l-bijomekkanika għandhom rwol ewlieni fid-dijanjosi u t-trattament tal-kumplikazzjonijiet tas-saqajn.

Is-servizzi li noffru bhalissa jinkludu:

  • Podjatrija ġenerali li tinkludi podjatrija ta’ rutina bħat-trattament ta’ kallijiet, infezzjonijiet tas-saqajn (infezzjonijiet fungali, batterjali jew virali), patoloġiji tad-dwiefer u eżamijiet dettaljati li jinkludu eżami bijomekkaniku, vaskulari u newroloġiku.
  • Analizi tal-Mixja. Fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara għandna klinika speċifikament iddedikata għall-Bijomekkanika. F’din il-klinika nagħmlu analiżi dettaljata bijomekkanika u tal-mixja permezz ta’ mezzi viżwali u kompjuterizzati.
  • Screening tas-saqajn. Bħalissa noffru servizz ta’ screening newroloġiku u vaskulari għall-pazjenti kollha bid-dijabete. Dan is-servizz huwa prattikament offrut fil-kliniċi kollha, fejn pazjenti li ma jgħaddux mit-testijiet inizjali jiġu riferuti għal żewġ kliniċi oħra speċjalizzati li jinsabu fil-Furjana u f’Birkirkara għal aktar eżamijiet.
  • Podopedjatrija. Sentejn ilu, F’Birkirkara, ġiet introdotta klinika speċjalizzata ddedikat għall-eżami u t-trattament tat-tfal. Din il-klinika kellha suċċess immedjat u wara sena biss kellna nirduppjaw l-istaff biex nilħqu mat-talbiet tal-pubbliku ġenerali.
  • Rewmatojde. Pazjenti bl-artrite rewmatojde għandhom il-bżonnijiet partikolari tagħhom. Biex nilħqu l-bżonnijiet tagħhom għandna klinika speċjalizzata li ssir darbtejn fil-ġimgħa.
  • Dijabete. Filwaqt li l-podjatra kollha permezz tal-eżami tagħhom huma kapaċi jidentifikaw kwalunkwe problema tas-sieq relatata mad-dijabete, għandna tim dedikat ta’ podjatristi li huma speċjalizzati fl-eżami u t-trattament ta’ pazjenti bid-dijabete. Bħala tim li huwa f’kollaborazzjoni mal-podjatristi l-oħra, it-Tissue Viability Unit u l-Unità tal- Ortotika u l-Prostetika, kif ukoll ma’ Professjonijiet oħra tal-Kura tas-Saħħa, jaħdmu ħafna biex inaqqsu r-rata ta’ amputazzjonijiet permezz ta’ trattamenti, edukazzjoni u miżuri preventivi.
  • Kirurġija tad-dwiefer. Għandna klinika li hija kompletament iddedikata għall-kirurġija tad-dwiefer.
  • Ġestjoni tal-feriti. Aħna niffurmaw parti mit-tim tat-Tissue Viability Unit. Aħna nikkollaboraw mill-qrib kemm ma’ podjatristi oħra, dipartimenti oħra u professjonisti oħra tal-Kura tas-Saħħa biex innaqqsu għall-minimu possibli n-numru ta’ amputazzjonijiet. Minħabba l-kobor ta’ dan is-servizz qegħdin fil-proċess li nżidu n-numru ta’ persunal f’dan il-qasam.
  • Podoġerjatrija. Dan huwa wieħed mill-aktar timijiet b’saħħtu tagħna. Is-servizzi huma offruti fid-djar u residenzi kollha tal-Gvern, f’numru ta’ djar privati ​​tal-Anzjani (fejn hemm arranġament mal-PPP) u fil-biċċa l-kbira taċ-ċentri ta’ matul il-jum.
  • Kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali. Sal-lum dan is-servizz jinsab fil-fażi inizjali tiegħu fejn konna lħaqna ftehim ma’ żewġ kunsilli lokali (ta’ Kalkara u ta’ San Gwann). Darba fix-xahar nattendu l-uffiċċji/kliniċi tagħhom u noffru servizz minn hemm.

Procedura sabiex taghmel Appuntament:

Bħala podiatristi aħna nimmiraw li nagħtu servizz f’waqtu, li hu kosteffikaċi u l-aħjar possibbli għal kulħadd. Il-klijenti li għandhom bżonn is-servizz tagħna jistgħu jew jirreferu lilhom infushom, jew permezz ta’ referenza minn Professjonist tal-Kura tas-Saħħa. Kull ma jridu jagħmlu l-klijenti hu li jikkuntattjawna fiċ-Ċentru tas-Saħħa rispettiv tagħhom, fejn jingħataw appuntament. Wara l-eżami inizjali l-klijenti huma direġuti fl-aktar klinika xierqa, skont il-bżonnijiet tagħhom.

Eligibilita’

Iċ-ċittadini Maltin jew barranin kollha li għandhom permess ta’ residenza jistgħu jiġu riferuti biex jibbenefikaw minn kwalunkwe servizz tal-Podjatrija. 

Persuni oħra li għandhom bżonn is-servizz tal-Podjatrija xorta jistgħu jingħataw servizz bi ħlas kif ordnat mill-awtoritajiet.

Dokumenti Meħtieġa

Karta tal-identità

Mistoqsijiet Frekwenti

Mistoqsija: Minn fejn huwa offrut dan is-servizz?

Tweġiba: Is-servizz huwa offrut miċ-ċentri kollha tas-saħħa, mill-isptarijiet kollha u mid-Djar tal-Anzjani. Kull ma jridu jagħmlu l-klijenti hu li jikkuntattjawna fiċ-Ċentru tas-Saħħa rispettiv tagħhom, fejn jingħataw appuntament. Wara l-eżami inizjali l-klijenti huma direġuti fl-aktar klinika xierqa, skont il-bżonnijiet tagħhom.

Mistoqsija: Għandi bżonn riferiment biex nattendi?

Tweġiba: Idealment iva iżda mhux meħtieġ

Kif Tikkuntattjana

Tista’ tikkuntattjana billi:

  • Tiġi personalment fl-uffiċċju tagħna
  • Tikkuntattjana permezz tat-telefon jew fax

L-Uffiċċju tagħna

Indirizz

Dipartiment tal-Podjatrija
Birkirkara Civic Center
Triq Tumas Fenech
Birkirkara
BKR-2527

Telefon: 2149 4969

Ħinijiet tal-ftuħ

Aħna miftuħa matul il-ħinijiet li ġejjin:

  • It-Tnejn sal-Ġimgħa: 7:30 a.m. – 2:30 p.m.
  • Is-Sibt: 7:30 a.m. – 1:00 p.m.

Meta żżur l-Uffiċċju tagħna aħna:

  • Naqduk malajr u bil-korteżija u ser inkunu ta’ għajnuna
  • Nilqgħuk f’ambjent nadif u akkoljenti

Meta ċċempelna tista’ tistenna li:

  • Nwieġbu fil-pront
  • Nidentifikaw lilna nfusna
The Department

Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.