Il-Professjoni tal- Ħidma Soċjali għandha l-għan li “…tippromwovi jew tirrestawra interazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku bejn l-individwi kif ukoll bejn l-individwi u s-soċjetà sabiex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja, billi tgħin lill-persuni li jirċievu dawn is-servizzii biex jifhmu, isolvu u jipprevjenu problemi personali, interpersonali, familjari jew soċjali” (Att dwar il- Ħidma Soċjali, 2003).
L-interventi tal-Ħidma Soċjali huma bbażati fuq valuri li jinkludu rispett għall-ugwaljanza, il-valur u d-dinjità tan-nies kollha. Il-Ħidma Soċjali, ġeneralment, tindirizza l-ostakli, l-inugwaljanzi u l-inġustizzji li jeżistu fis-soċjetà, tindirizza kriżijiet kif ukoll il-problemi personali u soċjali ta’ kuljum u tutilizza varjetà ta’ ħiliet, tekniki u attivitajiet konsistenti mal-fokus olistiku fuq il-persuni u l-ambjenti tagħhom.
Il-Ħidma Soċjali hija Professjoni tas-Saħħa Alleata f’ambjenti tas-saħħa differenti. Il-ħaddiema soċjali huma ddedikati biex itejbu l-kapaċità tal-bniedem biex isolvu problemi soċjali kumplessi billi jiffokaw fuq l-abbiltà ta’ individwi, familji u komunitajiet. Huma jassistu lin-nies fit-tmexxija tal-ħajja tagħhom ta’kuljum, biex ilaħħqu ma’ kwistjonijiet, jittrattaw relazzjonijiet u jsolvu problemi personali u tal-familja. L-għan ewlieni tal-Ħidma Soċjali huwa li jagħti s-setgħa lill-individwi biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u biex jiksbu ħajja ta’ kwalità tajba fis-soċjetà tagħna.