Is-Servizzi Tagħna

Deskrizzjoni

L-Awdjoloġija hija xjenza klinika li saret professjoni ta’ sfida kbira u sodisfaċenti minħabba l-avvanzi fit-teknoloġija. L-Awdjoloġija hija x-xjenza tas-smigħ u l-bilanċ u tinvolvi l-valutazzjoni, il-ġestjoni u r-rijabilitazzjoni ta’ nies bi problemi ta’ smigħ u bilanċ u disturbi oħra assoċjati. Nintervjenu ma’ pazjenti ta’ etajiet differenti, minn trabi tat-twelid u tfal sa adulti u anzjani.

Servizzi:

  • Screening u Testijiet Bażiċi tas-Smigħ
  • Testijiet Avvanzati tal-Awdjoloġija
  • Provvediment ta’ Apparati tas-Smigħ
  • Riabilitazzjoni u Pariri dwar Smigħ
  • Impjanti Kokleari
  • Apparati Ankrati fl-Għadam
  • Ittestjar tal-Bilanċ u Riabilitazzjoni

Proċedura

Persuna li tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà biex tibbenefika minn dan is-servizz tista’ tiġi riferuta minn Konsulent fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa jew mit-tabib tal-familja tagħha, lill-Konsulenti Awdjo-Vestibulari tagħna li mbagħad jirreferu il-persuna għas-servizzi tal-Awdjoloġija meħtieġa.

Eliġibilità

Iċ-ċittadini Maltin jew barranin kollha li għandhom permess ta’ residenza jistgħu jibbenefikaw mis-servizzi tal-Awdoloġija. Se jiġi pprovdut apparat tas-smigħ, jekk persuna riferuta jkollha l-formola tal-Iskeda ll (il-Karta r-Roża). Jekk persuna jkollha telf ta’ smigħ profond huwa/hija tkun eliġibbli għal Impjant Kokleari.

Dokumenti Meħtieġa

Karta tal-identità u l-Formola r-Roża (Skeda ll) jekk ir-referenza ssir għal apparat tas-smigħ.

Proċess tal-Back Office

Referenza għal apparat tas-smigħ normalment isseħħ wara li l-ENT jew il-Konsulent Awdjovestibulari eskludew kwalunkwe għażla oħra ta’ trattament mediku jew kirurġiku għall-kawża tat-telf tas-smigħ. Persuna riferuta għal apparat tas-smigħ se tingħata appuntament mit-Taqsima tal-Awdoloġija sabiex tkun tista’ tittieħed l-impressjoni tal-widna meħtieġa biex jkun ordnat l-apparat tas-smigħ. Formola ta’ talba flimkien ma’ kopja tal- Karta r-Roża se tintbagħat lit-taqsima tal-intitolament fi ħdan il-ministeru tas-saħħa. Meta tingħata l-approvazzjoni u tiġi riċevuta l-forma tal widna li ttieħdet, jintbagħat appuntament sabiex tkun tista’ titqiegħed l-apparat tas-smigħ għal dik il-persuna. Din mhix sempliċiment appuntament biex tinġabar l-apparat tas-smigħ iżda wkoll valutazzjoni peress li l-apparat tas-smigħ jrid jiġi aġġustat skond il-limitu tas-smigħ tal-persuna. L-utent imbagħad jingħata parir xieraq. Se jkun skedat appuntament ta’ segwitu biex jiġi mmonitorjat il-progress bil-apparat tas-smigħ u biex jiġu ndirizzati id-diffikultajiet li jista’ jkollu l-utent. Noffru wkoll servizz ta’ tiswija tal-apparat tas-smigħ fejn il-pazjenti jistgħu jikkuntattjaw lit-taqsima tal- awdoloġija u jagħmlu appuntament biex l-apparat tas-smigħ jkun jista’ jiġi ċċekkjat mit-Tekniku tal-Laboratorju tal-Awdoloġija tagħna. Jekk dan jieħu xi żmien jingħata sostituzzjoni sakemm l-apparat tas-smigħ jissewwa.

Mistoqsijiet Frekwenti

Mistoqsija: X’jikkawża t-telf tas-smigħ?

Tweġiba: Hemm ħafna fatturi li jistgħu jikkawżaw telf ta’ smigħ. 50% tat-telf tas-smigħ huwa ġenetiku u l-50% l-ieħor huwa minħabba fatturi ambjentali pereżempju: Età, Trawma, Ototossiċità (drogi, solventi, tipjip), infezzjonijiet waqt it-tqala (T.O.R.C.H), Storbju, Infezzjonijiet tal-widnejn, Xama’, Infezzjonijiet tal-widna tan-nofs,Tumuri u ħafna fatturi oħra.

Mistoqsija: L-apparat tas-smigħ jista’ jirrestawra s-smigħ?

Tweġiba: L-apparat tas-smigħ huwa apparat elettroniku u sofistikat li jgħin biex itejjeb is-smigħ iżda ma jistax jerġa’ jirestawra kompletament is-smigħ peress li n-nerv ikun għadu bil-ħsara. Huwa importanti li tuża apparat tas-smigħ jekk ikun hemm telf tas-smigħ peress li studji reċenti juru li t-telf tas-smigħ huwa kawża indipendenti ta’ dimenzja bikrija peress li l-moħħ ma jiġix stimulat kif suppost.

Mistoqsija: Liema teknoloġija hija disponibbli biex ittejjeb is-smigħ?

Tweġiba: L-apparati tas-smigħ huma l-aktar komuni iżda persuni li għandhom telf ta’ smigħ profond jistgħu jiġu mgħammra b’impjant kokleari wara evalwazzjoni biex tiġi vvalutata l-eliġibilità. L-apparati tas-smigħ ankrati fl-għadam huma apparati oħra li jistgħu jintużaw fuq persuni li għandhom widna mejta u smigħ normali fil-widna l-oħra jew problemi kroniċi tal-widna tan-nofs fiż-żewġ widnejn.

Mistoqsija: Għandi bżonn riferiment kull darba li jkolli bżonn niċċekkja l-apparat tas-smigħ tiegħi jew jekk għandi problema?

Tweġiba: Le. Persuna li għandha problema bl-apparat jew jekk tixtieq li l-apparat jiġi ċċekkjat tista’ sempliċement iċċempel għal appuntament.

Kif Tikkuntattjana

Tista’ tikkuntattjana billi:

  • Tiġi personalment fl-uffiċċju tagħna
  • Ikkuntatjana permezz tat-telefon fuq 2545 4595/91
  • Ibgħatilna email

L-Uffiċċju tagħna

Indirizz

Taqsima tal-Awdjoloġija
ENT/OP
L-ewwel sular, Dipartiment tal-Outpatients
L-Isptar Mater Dei
Tal-Qroqq
Msida. MSD 2090

Ħinijiet tal-ftuħ

Aħna miftuħin matul il-ħinijiet li ġejjin:

  • It-Tnejn sal-Ġimgħa: 7:00 a.m. – 3:15 p.m.

Meta żżur l-Uffiċċju tagħna aħna:

  • Ħa naqduk malajr u bil- korteżija u ser inkunu ta’ għajnuna
  • Ħa nilqgħuk f’ambjent nadif u akkoljenti

Meta ċċempelna tista’ tistenna li:

  • Nwieġbu fil-pront
  • Nidentifikaw lilna nfusna