Is-Servizzi Tagħna

Razzjonal

Ir-radjoterapija hija l-użu mediku tar-radjazzjoni jonizzanti, ġeneralment bħala parti mit-trattament tal-kanċer biex tikkontrolla jew teqred iċ-ċelluli malinni. L-għan tar-radjoterapija huwa li jwassal doża għolja ta’ radjazzjoni fiż-żona tat-tumur u timminimiżża d-doża għat-tessuti normali tal-madwar f’tentattiv biex jitnaqqsu l-effetti sekondarji. Ir-radjoterapija hija trattament lokalizzat u taffettwa ċ-ċelluli tal-kanċer fiż-żona ttrattata biss. Ir-radjoterapija hija ppjanata fuq bażi individwali u ġeneralment tingħata fuq numru ta’ sessjonijiet. Tista’ tintuża bħala trattament kurattiv, magħruf ukoll bħala trattament radikali, bil-għan li teqred it-tumur, jew bħala trattament palljattiv, meta l-intenzjoni kurattiva ma tkunx possibbli. L-għan tar-radjoterapija palljattiva huwa li ttaffi s-sintomi bħall-uġigħ. Ir-radjoterapija tingħata minn Radjografi tar-radjoterapija fid-Dipartiment tar-Radjoterapija fi ħdan iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.

Eliġibilità u Riferiment

Il-persuna li tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà biex tibbenefika minn dan is-servizz, trid tiġi riferuta minn Konsulent Kliniku Onkologu fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa.

Iċ-ċittadini Maltin u l-pazjenti barranin kollha huma eliġibbli għall-kura malli tiġi ppreżentata d-dokumentazzjoni meħtieġa li turi li huma intitolati għal kura b’xejn. Individwi li mhumiex eliġibbli għal kura b’xejn, jkunu meħtieġa jħallsu għal kull servizz mogħti, fil- Billing’s Office fl-Isptar Mater Dei.

Dokumenti Meħtieġa

Il-pazjenti kollha huma meħtieġa juru l-karta tal-identità jew passaport; filwaqt li pazjenti barranin iridu jippreżentaw l-aħħar karta tal-paga jew ċertifikat taż-żwieġ biex jingħataw formula li tintitolhom għal-kura bla ħlas.

Proċedura

Ladarba pazjent jiġi riferut għall-Onkoloġija, huwa jkollu appuntament mall-Konsulent Kliniku Onkologu. Jekk il-pazjent jeħtieġ ir-radjoterapija, CT-Scan tal-ippjanar huwa mitlub onlajn permezz tal-ISoft. Il-pazjent imbagħad jiġi kkuntattjat mingħand ir-Radjografi bid-data tas-CT-Scan flimkien ma kwalunkwe struzzjonijiet oħra li għandu jsegwi. Dakinhar tal-iskan, ir-Radjografi jispjegaw il-proċedura lill-pazjent u jippreparawh għall-iskan.

Għall-iskan tal-ippjanar il-pazjent jiġi ppożizzjonat skont is-sit tat-trattament. Din il-pożizzjoni trid tkun komda għall-pazjent biex taċċerta li l-pożizzjoni tkun tista’ tiġi riprodotta kuljum matul il-kors kollu tar- radjoterapija. Fl-aħħar tal-iskan, jiġu tattwati xi marki permanenti żgħar fuq il-pazjent sabiex tiġi żgurata r-riproduċibilità tal-pożizzjoni matul it-trattament. Dawn il-marki jservu bħala punti ta’ referenza biex jinstab is-sit eżatt tat-trattament. Dawn il-markaturi se jservu bħala punti ta’ referenza biex jinstab is-sit eżatt tat-trattament. Għal dawk il-pazjenti li jkollhom bżonn trattament fir-ras jew fl-għonq, tinħoloq maskra termoplastika li tkun magħmula apposta waqt l-iskan biex tintuża waqt it-trattament tar-radjoterapija. Wara s-sessjoni tas-CT-Scan il-pazjent jintbagħat id-dar u jiġi kkuntattjat bit-telefon, ladarba jitlesta l-proċess ta’ ppjanar biex tibda r-radjoterapija.

Ippjanar tal-Kura tar-Radjoterapija

L-immaġini tas-CT-Scan jintużaw mill-Konsulent Kliniku Onkologu biex jimmarka iż-żona tat-trattament. Imbagħad jinħoloq pjan ta’ radjoterapija b’doża ta’ radjazzjoni li tkun preskritta fuq il-volum tat-trattament. Dan isir mid-Dipartiment tal-Fiżika Medika. Ladarba l-pjan jiġi approvat mill-Konsulent Kliniku Onkologu, ir-Radjografi li jaħdmu fl-uffiċċju tal-Kontroll u Verifika, jagħmlu għad ta’ verifiki sabiex jiċċekkjaw li kollox huwa ppreparat ħalli il-pazjent ikun jista’ jibda ir-radjoterapija. Ladarba kollox ikun lest jiġi bbukkjat appuntament għar-radjoterapija u r-Radjografi jċemplu lil-pazjent biex jinfurmawh.

Twassil ta’ Trattament

It-tul tar-radjoterapija jista’ jvarja skont il-każ speċifiku tal-pazjent. B’mod ġenerali, dan jista’ jieħu minn ġurnata waħda sa sitt ġimgħat. Ir-radjoterapija tingħata kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa minbarra l-festi pubbliċi.

Ġestjoni u Reviżjoni tal-Pazjent

Matul il-kors tat-trattament, il-pazjent jiltaqa’ ma’ Radjografi li jaħdmu fuq il-magna tar-radjoterapija (Linear Accelerator) li se jivvalutaw il-benessri tal-pazjent. Barra minn hekk, il-pazjenti jingħataw appuntament kull ġimgħa jew kull ħmistax, jew mal- Focal Nurses tar-radjoterapija jew mal – Radjografi li jagħmlu r- reviżjoni jew mal- mal-Konsulent Kliniku Onkologu, fil-klinika tar-reviżjoni. L-iskop ta’ din il-klinika huwa li tivvaluta u timmaniġġja kwalunkwe effett sekondarju relatat mit-trattament li l-pazjent jista’ jesperjenza.

Segwitu

Fi tmiem il-kors tar-radjoterapija, il-pazjent jingħata appuntament mid-Dipartiment tal-Outpatients tal-Onkoloġija, fejn il-Konsulent Kliniku Onkologu jivvaluta r-riżultat tat-trattament u jiddiskuti il-pass li jmiss.

Mistoqsijiet Frekwenti

Mistoqsija: Kemm hija twila kull sessjoni ta’ radjoterapija?

Tweġiba: Ġeneralment it-trattament tar-radjoterapija jieħu madwar għoxrin minuta, madankollu, f’xi każijiet jista’ jkun meħtieġ ħin addizzjonali ta’ preparazzjoni.

Mistoqsija: Għal kemm żmien għandi nattendi għat-trattament tar-radjoterapija tiegħi?

Tweġiba: It-tul tar-radjoterapija jista’ jvarja skont il-każ speċifiku tal-pazjent. B’mod ġenerali, dan jista’ jieħu minn ġurnata waħda sa sitt ġimgħat.

Mistoqsija: Meta għandi nattendi?

Tweġiba:Ir-radjoterapija tingħata kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa minbarra l-festi pubbliċi.

Mistoqsija: Nista’ nħoss xi uġigħ waqt ir-radjoterapija?

Tweġiba: M’għandekx tesperjenza l-ebda uġigħ waqt it-trattament tar-radjoterapija.

Mistoqsija: Se nesperjenza xi effetti sekondarji?

Tweġiba: Xi effetti sekondarji jew sintomi huma mistennija skont iż-żona tat-trattament. Dawn jiġu spjegati lilek qabel ma tibda l-kura mill-Konsulent Kliniku Onkologu u jiġu evalwati u ġestiti mill- Focal Nurses tar-radjoterapija jew mir-Radjografi li jagħmlu r- reviżjoni waqt il-klinika tar-radjoterapija.

Mistoqsija: Fejn hu disponibbli dan is-servizz?

Tweġiba: Dan is-servizz jingħata fid-Dipartiment tar-Radjoterapija, livell -1, fi ħdan iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, faċċata tal-Isptar Mater Dei. Sfortunatament, dan is-servizz bħalissa mhux disponibbli fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Ikkuntatjana

Indirizz

Dipartiment tar-Radjoterapija, Livell -1
Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo
Tal-Qroqq
Msida Malta
MSD 2090

Telefon

Ħinijiet tal-Ftuħ

  • Mit-Tnejn sal-Ġimgħa: 7:00 a.m. – 7:00 p.m